view archived article

view original article

 

GĦAJNUNA LIL GĦAQDIET VOLONTARJI U FILANTROPIĊI

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li kien ta’ pjaċir għalih jagħlaq Open Day organizzata mill-Hal Far Model Flying Association b’riżq id-Dar tal-Providenza. L-Onor. Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern prezenti dejjem ta l-għajnuna tieghu lill-għaqdiet volontarji u fil-każ tad-Dar tal-Providenza, li fetħet fis-27 ta’ Diċembru 1965 b’Villa Monsinjur Gonzi, il-Gvern kien li għadda art u bini li qabel kienu jintużaw mis-Servizzi Militari Ingliżi lill-Azzjoni Kattolika Maltija f’Mejju 1966. Id-Dar tal-Providenza kienet amministrata mill-mibki Monsinjur Mikiel Azzopardi.

Francis Zammit Dimech qal li ftit tal-jiem ilu l-Parlament Malti ddiskuta t-trasferiment ta’ proprjeta’ tal-Gvern lil 34 organizazzjoni li minbarra ħafna għaqdiet sportivi, li lkoll qed jaħdmu fuq bażi volontarja, kien hemm għaqdiet bħall-Foundation for Social Welfare Services, l-Eden Foundation u l-YMCA li ngħataw proprjeta’ tal-Gvern biex jagħmlu użu minnha.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li fl-aħħar ħames snin il-Gvern kien għadda proprjeta’ lil aktar minn 100 organizazzjoni li kienu qed jagħtu servizz lis-socjeta’. Hu qal li dan il-proċess kien se jkompli. Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li t-tqassim ta’ proprjeta’ li sar riċentament kien it-tielet wieħed li segwa deċizzjoni tal-Gvern li ttieħdet fil-bidu ta’ l-1996.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-Gvern mhux biss kien qed jgħin lill-volontarjat billi qed jagħtihom bini u artijiet biex ikunu jistgħu jmexxu ‘l quddiem il-ħidma tagħhom iżda kien anke jissussidja organizazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu fil-qasam tal-volontarjart. Hu qal li l-għajnuna finanzjarja tal-Gvern lill-volontarjat kważi irduppjat fl-aħħar sentejn.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li matul din is-sena l-poplu kien se jingħata l-opportunita’ li jiddiskuti qafas legislattiv għal organizazzjonijiet mhux governattivi qabel ma tiġi ppreżentata liġi għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tal-Parlament.

Francis Zammit Dimech qal li d-Dar tal-Providenza, li kienet tikkonsisti f’Villa Monsinjur Gonzi, Villa Papa Giovanni u Villa Papa Luciani, kellha fiha 130 resident li kienu jgħixu fi gruppi żgħar f’ambjent familjari. Biex titmexxi d-Dar tal-Providenza kienet teħtiegġ finanzjament qawwi li kien jigi minn donazzjonijiet li jagħtu n-nies. Francis Zammit Dimech qal li attivitajiet bhal dik li għamlet il-lum il-Hal Far Model Flying Association kien ta’ min ifaħħarahom u jinkorraġihom għaliex kienu mhux biss jikkontribwixxu biex ikunu finanzjati l-ispejjez kbar ta’ din id-Dar izda anke biex il-pubbliku isir dejjem aktar konxju tal-ħtigiet li jkollhom dawn l-għaqdiet volontarji u filantropiċi.
DOI – 07.06.2002

DOI